X’kien li laqqgħana f’din id-dar hekk ħiemda
Inti forsi ma tafx, għasfur lelluxi;
U anqa taf il-għaliex, meta jien noħroġ
Għax-xogħ’l fil-għodu, il-bieb niġbed warajja
U bil-moftieħ insakkru, u l-beda mixi
U l-ebda nifs ma tisma’, qabel narġa’
Indawwar il-moftieħ u nidħol jiena.
Aħjar għalik ma tafx; hekk ebda sehem
F’għommti ma tieħu, u bejn il-jiem u l-iljieli
Tgħaddi bla niket xejn il-ħajja tiegħek.
Kif jibda jroxx id-dawl narak tistenbaħ,
Għasfur lewn il-lellux, u ċ-ċkejkna rasek
Toħroġ minn taħt il-ġwienaħ fejn tkebbibha
Awl il-lejl, meta x-xemx tinżel u int tiskot
U titħejja biex torqod; dlonk tmedd riġlek
Fuq il-qasba ħdejn l-ieħor u titfarfar,
Tinżel tnaqqar xi qanba u fis il-ħlewwa
Ta’ leħnek tibda ddoqq ġewwa widnejja
Li kulma tmur titqawwa. Iżżiġġ u taqbeż
Bejn għanja u oħra u mal-ħadid li jagħalqek
Taqbad bir-rqaq difrejk, u terħi u tarġa’
Għal fuq qasba bla ma tehda ; u l-ħeffa
Ta’ riġlejk u ġwenħajk, il-ħarsa, il-għanja
Juru li kulma fik hu hena u saħħa.
Bi ħlewwa li ma bħalha tħares lejja
Meta nersaq niex nagħalfek. Int tagħrafni,
Nifhmu wisq tajjeb; u għalhekk taħmilni,
Bla ma titnaffar xejn, niftaħ il-bieba
Tal-qafas tiegħek u l-kejliet inneħħi
Ta’ l-ikel u tax-xorb biex nimlihomlok ;
U b’għajta sħiħa, donnok trid tiżżini
Xi ħajr talli ħsibt fik, tarġa’ tilqagħni
Meta nagħlaq il-bieba u nerġa’ ndendlek
F’dik in-naħa tad-dar fejn bard ma jaħqrek
U ftit tax-xemx iżżurek. Għalxejn nersaq
Xi drabi ħiemed fuq subgħajn riġlejja
Biex naqbdek rieqed jew għażżien ; minn tlugħek,
Ja xemx, sa nżulek, l-ebda serħ u l-ebda
Għeja ma tagħmel bik. Xi ġmiel ta’ ħajja,
Tgħix bla ma taħseb x’ikun għada u liema
Għilt u ġlied qed isir barra minn darek!
Iżda ma ngħirx għalik, għasfur lelluxi,
Għalkemm ħajtek togħġobni. Iżjed fil-għoli
Mill-ħajja ta’ din l-art it-tama tiegħi.
Naf illi bosta drabi l-ħobż li niekol
Huwa mxarrab bid-dmugħ, u flok il-kelma,
Xi darba bla ma rrid, toħroġ tnehida,
Għaliex fejn żrajt il-ward kiber bil-kotra
Xewk u għolliq, u min bi mħabbtu safja
Sata’ jsabbarni, intemm qabli ġo qabar;
Imma naf illi d-dmugħ miżrugħ fid-dinja
Irodd ferħ fis-smewwiet, u wara dina
Il-ħolma li ngħidulha ħajja, tiġi
Il-qawma mill-imwiet fid-dawl ta’ dejjem.
Hekk ngħixu mela t-tnejn, għasfur lelluxi :
Int hieni bik innifsek u bi mħabbti;
Jien bit-tama li f’qalbi Alla nissilli.
(Dun Karm)
More Poetry from Dun Karm:
- To My Canary (Dun Karm Poems)
- QUDDIEM XBIHA TAL-MADONNA (Dun Karm Poems)
- To My Maltese Brothers (Dun Karm Poems)